Ma jridx jaf
- Tiziana BORG
- May 25, 2016
- 4 min read
"Ma jridx jaf bi skola, ma," qalet Therese lil ommha.
"Xħin jasal il-ħin tal-homework, minn kollox jivvinta, minbarra li jlesti xogħlu. Daqqa jwaqqa' l-lapes, daqqa jiċċassa... Din il-ġimgħa anke l-għalliema bagħtitli nota li x-xogħol tal-iskola mhux qed jagħmlu. Jabbuża, speċjalment meta jien inkun xogħol."
"Binti, ipprova żommlu kemm tista' u tħallihx jitraskura fuq hekk. Il-homework xogħlu u huwa importanti li jidra jerfa' r-responsabilita' tiegħu," wieġbet Ġuża lil bintha.
"Naf ma, imma ma jridx jisma'. Taf x'ras iebsa għandu," qalet Therese.
"Jien ma rridx nindaħallek, imma la inti qed taħdem sa xit-tlieta, ibda ħu ftit aktar paċenzja u kif ikun ser jibda l-homework, oqgħod ħdejh u tmurx tibda mill-ewwel il-faċendi tiegħek. Jekk mhux hekk, tal-inqas sib ħin fejn hu jarak li qiegħda għassa miegħu," qalet ix-xwejħa.
"Kieku mhux idea ħażina, għalkemm imbagħad, naqa xi ftit lura. U biex tgħaxxaq, jien ma nafx nurih wisq. Dejjem jivvintawlhom xi ħaġa ġdida," ipprotestat Therese.
"Minn daqshekk għandek raġun binti. Sewwa qiegħda tgħid, imma fil-ħajja kollox diffiċli. Emmini aħjar uff milli aħħ, għax wara jaf ikun tard wisq u imbagħad b' xejn ma ġġibu. Ħa ngħidlek din l-istorja li smajt ftit ilu. Tassew ħadt gost biha u bqajt inġorrha f'moħħi. Issa llum, ser ngħaddieha lilek," kompliet Ġuża.

"Dr. Gauci wieħed mill-avukti prominenti li hawn fi gżiritna. Illum il-ġurnata għandu numru ta' klijenti mhux ħażin u għandu wkoll ħafna impjegati miegħu. Beda mix-xejn u ma kellux xi tfulija daqshekk faċli. Ommu kienu ħassiela ġo dipartiment tal-gvern u lil missieru tilfu meta hu kellu biss ħames xhur. Tista' timmaġina kemm din il-povra mara kellha tagħmel sagrifiċċji biex trabbih. Kienet tgħaddi bl-eżatt u dejjem għamlet ħilitha biex lilu ma tħallih nieqes minn xejn. Kif beda jitfarfar, kienet ħalfet li lil binha tagħtih edukazzjoni xierqa biex kemm jista' jkun, la jikber, isir bniedem indipendenti, b'xogħol tajjeb u li fuq kollox ma jkollux problemi żejda.
Fil-fatt, kull meta kien jiġi mill-iskola, hi kienet tintefa' ħdejh biex jagħmel il-homework. Qatt ma wrietu xejn. Kienet dejjem tħallih ifendi għal rasu u tgħidlu dejjem biex jagħmel moħħu hemm. Ladarba hu jkun fil-klassi u mhux hi, kienet tisħaqlu li suppost ikun jaf bl-eżatt x'għadu jagħmel.
"Jekk toqgħod attent u tisma' milli jgħidulek, m'għandux ikollok problemi u m'għadek tiġi bżonn ħadd," kienet dejjem ittektiklu f'moħħu.
Biss, sakemm kien ilesti xogħlu, ma kinitx tinqala' minn ħdejh. Kienet tieħu gost tarah jikteb, jaqra xi ktieb u fl-istess ħin lilha kien iżommilha kumpanija filwaqt li tarah jagħmel progress. Biex ma ttelfux waqt li kien jikteb, kienet iżżomm il-ġurnal ħdejha li kienet tiddobba minn fuq il-post tax-xogħol. It-tifel dejjem kien jaraha ħdejh lil ommu, taqra u tqalleb f'dawk il-paġni.
Jum minhom, meta kien qiegħed jistudja l-universita', kienet għaddej minn mument diffiċli. Għamel ħabta jara l-istudju bħala xkiel u kien qed jara kollox żejjed. Dik l-għodwa, ommu ratu mifxul u jiċċassa lejn is-saqaf u mhux jaħdem bl-entużjażmu li kellu s-soltu. Għal omm li tħobb, m'hemmx għalfejn ħafna paroli biex tinduna li binha kellu xi ħaġa qed tkiddu. Daħlitlu fin fin u l-kliem ġie bħaċ-ċirasa. Kif indunat li rnexxilha tingaġġa lil binha f'konversazzjoni kienet pronta staqsietu, "X'għandek ibni? Inkwetat? Taf li jekk għandek bżonn tiftaħ qalbek, jien hawn qiegħda, lesta biex nisma' ," qaltlu ommu.
"Naf ma, naf u grazzi. Dan l-aħħar imma qed ikolli problemi biex nikkonċentra waqt l-istudji tiegħi. Dan il-kors twil wisq u ddejjaqt niddependi ħafna fuqek. L-aħħar sena li baqgħali qed naraha eternita'," qalilha l-avukat.
"Ibni, ara ma jfettillekx taqta' qalbek issa ta', issa li wasalt biex tispiċċa. Naf li iebsa u li xi kultant diffiċli biex tibqa' għaddej imma xejn ma jiġi mix-xejn," qaltlu ommu.
"Sewwa qed tgħid. Tiftakar ma, meta kont żgħir kont toqgħod taqra l-gazzetta ħdejja, waqt li jien nagħmel il-homework?" staqsa t-tifel.
"Dażgur li niftakar ibni, kif nista' qatt ninsa?" qalet hi.
"X'paċenzja kellek ikolli ngħid. Imma li kont nara stramb ma, li qatt ma kont tkellimni waqt li naħdem u qatt ma kont tgħini, għall-ebda raġuni. Illum għalhekk infendi għal rasi imma għax kieku kont nitgħażżen."
"Mela ħa ngħidlek ħaġa li qatt m'għedtlek ibni. Dejjem stħajt ngħidhielek, għax kont nistħi minnek imma llum il-ġurnata li l-iskop tiegħi lħqatu, m'għandix għaliex inkompli naħbilek. Fil-verita', John, jien illitterata, la naf nikteb u lanqas naqra. Dejjem qatt attenta biex lilek ma nurik b'xejn."
"Imma kif jista' jkun ma? Int mhux dejjem taqra il-gazzetta kont?"
"Taparsi imma. Jien kont nagħmel hekk biex nagħtik l-impressjoni li anke jien qed naqra u b'hekk kont inkun ukoll ta' wens għalik."
"Ill ma!! Ara vera tissaporti. Taf li jien qatt ma ndunajt?"
"Naf hi. Jien dan kollu dejjem għamiltu biex int titgħallem u ma tkunx bħali. Taf kemm konna ngħixu bl-eżatt meta int kont iżgħar imma jien dejjem kont kuntenta li naħdem ftit inqas biex inkun nista' nara li int għajnejk fuq l-iskola. Dejjem ridtek b'karriera tajba. Jien dejjem qlajt il-fwied biex dawwart lira u lilek ridtek ħafna aħjar. Jerġa' għalija dejjem kien aktar diffiċli għax kelli nrabbik mingħajr missier."
Il-ġuvnott ħassu emozzjonat. Ra li quddiem għajnejh kellu mara magħmula żgħira imma li fl-istess ħin kellha spirtu u kuraġġ mill-akbar. "Nirringrazzjak ma, ta' dak kollu li għamilt miegħi u ta' kull sagrifiċċju li kellek tgħaddi minnu. Nwegħdek li nistudja b'qalbi kollha biex la nilħaq, inkun jien li ngħinek u int ma jkollokx aktar għalfejn tkompli titbażwar," qal it-tifel.
Illum il-ġurnata, it-tifel sar avukat u anke jekk miżżewweġ, lil ommu ħallieha tgħix miegħu. Għalih, hi l-aqwa mudell li għandu f'ħajtu. Kif qed tara binti, irridek iddaħħal f'moħħok, li anke jekk it-tfal ikunu kuntenti li ma tħalliehom nieqsa minn l-ebda oġġett materjali li jixtiequ, dan mhux kollox. Ħafna drabi huwa iktar importanti li turihom ċar u tond li int qiegħda hemm magħhom u għalihom milli tikkuntentahom f'kollox. Il-frott ta' dan kollu jarawh 'il quddiem u mhux issa. Kif smajt, din il-mara ma kinitx taf turih ll binha, imma xorta wasal fejn ried. L-importanti li t-tfal jifhmu dak li hu mistenni minnhom u li jitgħallmu jieħdu r-responsabbilita' tagħhom, żgħira kemm hi żgħira," temmet ix-xwejħa.
"Sewwa qed tgħid ma. Bl-oġġetti jifirħu għal ftit ħin u kollox jerġa' lura għan-normal. L-imħabba li turiehom imma, tibqa' magħhom," qalet Therese.
"Hekk hu, hekk hu."
TMIEM
Comentarios