top of page
Search

Imħabba għal Carina

  • Tiziana Borg
  • May 23, 2016
  • 6 min read

Ira, Claudia, Sara u Carina ddeċidew li l-Ġimgħa filgħaxija joħorġu ġo stabbiliment tad-divertiment. Kien ilhom ftit ma jagħmluha għax dan l-aħħar xahar, Claudia u Sara kellhom xi eżamijiet tal-universita' u Ira u Carina kienu joħorġu imma aktar biex jieħdu kafe'. Riedu 'night out' tal-ġenn u ħassew ċertu enerġija minn xħin Ira għaddiet għalihom biex tiġborhom.

'Illejla beħsiebni niżżabel," qalet Ira kollha entużjażmu. "Ilna ftit ma nagħmluha girls, din," kompliet.


"U mela," qalet Sara.


"Imma issa tgħabbix ħafna Ira ta. Tħalliniex waħedna," ikkummentat Claudia.


"Ħeqq... jien ma nafx x'ser jiġri hux," qalet Ira bi tbissima nebbiexa.


Kulħadd kien jaqbel li Ira kienet tfajla sbejħa. Kienet twila, b'ġisem perfett, xagħarha qastni bin-nokkli fit-tarf, għajnejn kbar u ħodor u tbissima li tħollok hekk kif taraha. Ira kellha karattru li jiġbdek, simpatika u kapaċi tkompli ma' dak li jkun b'mod tassew faċli. Il-ġuvintur kienu jiġġennu għaliha u jekk ma jkunx hemm xi ħadd li jkellimha, żgur li xi ħadd kien jikolha bil-ħars.


Carina kienet l-akbar ħabiba tal-qalb ta' Ira. Pero' il-karattru ta' Carina, ma kellux jaqsam ma' dak ta' Ira. Hi kienet mistħija immens u kienet persuna introverta għall-aħħar. Issa li kellha 23 sena, xtaqet ukoll li ssib lil xi ħadd li jħobbha u li tidħol f'relazzjoni miegħu. Lil ħbiebha kienet tħobbhom, imma fl-istess ħin, kienet qed tħoss li jkun sewwa li tinġabar ma' xi ħadd u li l-ħbieb jibda jkollhom rwol ieħor f'ħajjitha.


Kemm-il darba kienet toqgħod attenta biex tara hemmx xi ħadd jattirilha l-attenzjoni, imma kollu għal xejn. Hi qatt ma kienet tagħmel l-ewwel mossa u meta kien javviċinaha xi ħadd u jkollha xi appuntament, ma tantx kienet iddum tiltaqa' miegħu. L-ebda wieħed ma laqgħatha biżżejjed u s'issa qatt ma kellha relazzjoni serja u fit-tul. Ġieli kienet taqa' ħazin hekk kif tara kemm-il 'date' kien ikollha Ira. Ira kienet qisha bħall-fjura. Il-ġuvintur kienu jinġibdu lejha u jduru magħha bħan-naħal. Kienu jiġu mumenti fejn kienet tixtieq li mqar kellha kwart mill-kunfidenza li kellha Ira. Kieku, forsi kien jitħajjar xi ħadd biex joħroġ magħha aktar malajr.


Il-klikka waslet fl-istabbiliment. Ħadu xi żewġ 'drinks' u hekk kif id-'dee jay' beda jirranka bil-mużika tal-mument, Ira stednithom biex immorru jiżfnu fuq id-'dance floor'. Dak il-mument Carina kienet tobgħodu wisq. Sakemm kienet tinħall u taqbad tiżfen sew, kienet il-qatla tagħha. Dakinhar iżda, xtaqet li tirrilassa ftit iktar u tieħu pjaċir. Warrbet ftit biex tmur tixtri xi żewġ drinks oħra biex forsi l-alkoħol jgħina tegħleb aktar malajr il-mistħija.


Wara ftit tal-ħin, l-alkoħol beda jagħmel xi ftit effett, u fl-aħħar bdiet tiżfen bil-qalb ma' sħabha. Ira kien diġaż kaxkarha wieħed biex tiżfen miegħu. Mid-dehra għoġobha għax kieku malajr naffritu 'l hemm. "Hemm aħna, għadna deħlin u diġa' għabbiet," qalet Carina bejnha u bejn ruħha. Tgħid hi kienet ser tibqa' fuq l-ixkaffa? Dak il-lejl kien għadda wkoll u Ira infurmat lil sħabha li kienet ser terġa' tiltaqa' ma' Kurt, il-ġuvni li kien żifen magħha dak il-lejl. Wasslithom id-dar u ftehmu biex jikkuntattjaw lil xulxin għas-Sibt ta' wara.


Tmiem il-ġimgħa għadda bħal-leħħa ta' berqa u Carina, bħas-soltu, qamet kmieni biex tmur għax-xogħol. Dik l-għodwa kienet sejra nofs qalb. L-imgħallem qalilha li dik il-ġimgħa kellha taħdem fuq il-proġett tal-Marina ma' James. "Ommi kemm hu antipatku. Issa għandi xi ġimgħa nisma' l-botti u l-kummenti sarkastiċi tiegħu. Biex tgħaqqad, ser inkunu aħna t-tnejn biss fl-uffiċju. Għandu xalata iktar mis-soltu mela, biex jaqla' kemm jiflaħ," bdiet taħseb Carina, hi u sejra fi triqitha lejn ix-xogħol.


Dan James kellu 27 sena. Kien jaħdem fid-diviżjoni tagħha. Qatt ma kellha xi tgorr mill-kollegi tagħha, imma dan James, lilha bil-kemm kien jaħmilha. Kien juriha ċertu sens ta' antipatija. L-ewwel darba li ratu kien laqgħatha. Biex tgħid kollox, James ma kienx ġuvni ikrah. Kien ismar, għajnejh żoroq skuri u ffissat fuq id-dieta. Kuljum kien imur il-'gym' u l-muskoli tiegħu kienu jixhdu dan kollu. Wara jumejn imma, ġiet taqa' u tqum minn sbuħitu għax seta' jmur jixxejjer la lilha kien il-ħin kollu jaqbad magħha għal xejn b'xejn.


"Imma din il-ġimgħa, jekk idejjaqni, xi ħaġa rrid ngħidlu ta'. Ma jistax ikun jibqa' sejjer biha din il-biċċa. Forsi xi darba jinkiser u jħallini bi kwieti..." bdiet tgħid lilha nnifisha. Waslet l-uffiċju, iċċekkjat l-'emails' kollha u wara ftit, James mar fuqha. "Xħin trid mmorru fil-board room u nibdew ta' ," qalilha James.


"Ġejja. Tini sekonda, kemm nagħlaq hawn u nġib id-dokumenti meħtieġa," qaltlu hi. "Sadanittant, tista' tixgħel il-kompjuters tal-kamra."


"Kollox sew, se mmur issa..." wieġeb James.


"Ejja... għal darba laqgħani suret in-nies," qalet Carina. Ġabret il-karti kollha, ħadet xi 'files' magħha u daħlet fil-'board room'. Hekk kif daħlet u għalqet il-bieb, ratu jħares lejha bi tbissima sarkastika. L-istess tbissima li juża qabel ma jkun ser jitfa' xi botta aċiduża minn fommu. "Donnok ħassejtek xi ftit qsajra dan tmiem il-ġimgħa biex ġejt b'takkuna bħal dik. Mhux soltu tiegħek," qalilha James.


"Ha ha ha, qed iddaħħaqni James. Ilbistu għax ridt jien u mhux għax inħossni qasira," qaltlu Carina, xi ftit jew wisq offiża li attakaha bit-tul tagħha.


"Bil-mod... Mela rqadt mikxufa jew?" staqsa James.


"Le, imma qed ngħidlek minn issa biex ma tqabbiżhomlix għax m'għandix aptitek," qaltlu hi bil-herra.


"Mela m'għabbejtx dan il-week-end, Carina? Mhux forsi għalhekk xi ftit maħruqa hux?"


"Int x'inhu affarik jien x'għamilt? Qis qisek u lili ħallini," stqarret Carina.


"Veru, imma ma nafx kif, għax taf tiżfen ħa ngħidlek," qal James.


"Niżfen? U int fejn taf bħalek?" qaltlu hi, b'għajnejha mberrqin.


"Għax rajtek tiżżegglek il-'Lantern' nhar il-Ġimgħa," kompla James.


Carina telgħetilha fawra f'wiċċha. Saret ħamra daqs tadama u kien ovvju li xtaqet li l-art tiblgħaha.


"Mela int hemm kont?"staqsietu hi.


"U żgur li hemm kont u rajtek ma' sħabek ukoll. Xagħrek kien mitluq, kellek liebsa libsa kkulurita u żarbun aħmar. Hux tassew?" staqsieha.


"Għidli ħaġa, int anke barra mill-uffiċju tilħaqli salibi? Lanqas toqgħod għassa għalija wkoll, biex tiftakar eżatt x'kont liebsa!!" qaltlu hi iffrustrata.


"M'għandix x'nagħmel, noqgħod nilħaqlek salibek. Inzertajt rajtek, dak kollox. Għajnejja f'wiċċi qegħdin, ma nistax ma nħarisx," qalilha.

"U żgur, miskin. Insomma, aħna mhux għalhekk ġejna hawn. Ġejna biex naħdmu u mhux biex niddiskutu l-ħajja privata tiegħi. Nibdew?" staqsiet Carina.


"Ara vera lanqas tista' tgħix fil-paci," bdiet thewden Carina. "U fejn kien dan? Ma rajtux jien. Ommi ma, x'mistħija... rani! Iktar ma niddejjaq, iktar insibhom jien!" kompliet taħseb. Għadda xi ftit tal-ħin u għalkemm James kien idejjaqha fuq livell personali, indunat li fuq xogħlu kien bniedem tal-affari tiegħu. Kien jidher ċar li organizzat, attent għal kull dettal u jiffitta f'dak li jagħmel. Il-jum għadda malajr u barra dak il-kumment li ghaddielha filgħodu, ma semma' xejn aktar. Ħadet ir-ruħ li l-kumplament tal-ġurnata kien għadda b'wiċċ il-ġid.


Kif kienu ser jitilqu, James qalilha,"Ħadt gost naħdem miegħek Carina. Ser ikollna ġimgħa tajba flimkien għax tidher li tagħmel xogħlok sew," żied James. Reġgħet ħmaret. Qatt ma kien għaddielha kumpliment u kienet ser tgħidlu, imma ma ridix tqażżiżha. "Grazzi," weġbitu huma u ħerġin mill-uffiċju.


Wasal il-Ġimgħa u l-aħħar erbat ijiem kienu għaddew bil-kwiet. Ma kkummentalha l-ebda ħin. Waqt dawk il-ġranet, stedinha jmorru jieħdu kafe' u ma tafx kif, kienet donnha qed tbiddel l-opinjoni tagħha dwaru. Kienet qed tieħu gost li kien qed ikollhom konversazzjoni ċivili mingħajr ma tħossha rrabjatha lejh. Imma qisha kienet sejra żball għax il-Ġimgħa filgħodu, hekk kif raha qalilha,"Qisek kanarin dalgħodu, b'dak l-isfar li għandek fuqek." Reġgħet ratu b'dik it-tbissima sarkastika, imma ddeċidiet li ma tkellmu xejn.


Ħadmu l-ewwel nofs ta' nhar u kif kienu ser jieħdu l-brejk qalilha, "Dan x'kien għamiltu nokkli xagħrek? Differenti mis-soltu llum. Naħseb qed tipprova tgħabbi lil Chris, għax rajtek tnemmislu lbieraħ."


"Kemm int giddieb. Kif tridni nnemmes jekk lanqas biss iċċaqlaqt minn hawn," qaltlu hi irritata.


"U ajma int, kemm tieħu għalik. Ma tafx teħodha ċajta," ikkummenta hu.


"Lanqas ħaqq min jisimgħek għax iddaħħalni f'ilsien kulħadd għal xejn," qaltlu hi.


"Insomma, vera għaġba int ta," kompla hu.


Il-burdata inbidlitilha f'minuta. Forsi kellu raġun, imma peress li hi kellha stima baxxa tagħha nfisha, kummenti hekk kienu jdejquha.


"Ħa niftaħ dan il-pakkett 'juice'. Trid int?" staqsa hu.


"Le, ma rridx," qalet Carina.

"Jew trid xi gażaża int, għax proprja vava," kompla James.


"Kont ser ngħidlek x'jien..." u qabdet il-basket biex forsi tmur barra tieħu ftit arja friska. Hu, sadanittant, kien qed jissara mal-flixkun biex jiftaħ il-'juice' u hekk kif fetħu, tar fuqha u ċapsilha l-qmis. Saret ħamra nar, bid-duħħan ħiereg minn widnejha.


"Ara x'għamiltli, kiesaħ! Apposta għamiltli hekk int, għax ma taħmilnix. Dejjaqtni ta' vera. Għaliex taqbad miegħi dak kollu? Għaliex il-ħin kollu tipprova tirridikolani? Għaliex tilħaqli salibi u fuq kollox, għoġbok tħammiġli l-qmis?? MA NIFILĦEKX iktar! Dejjaqtni! Kemm ili li dħalt hawn, moħħok fija!" u kienet diġa' lesta biex tfaqqgħalu waħda fuq wiċċu. Hu imma, laħaq qabdilha idejha.


"Mhux apposta ħammiġtlek il-qmis. Inċident kien. Ma tarax li ser nagħmillek hekk apposta??" qalilha b'ton mans James.

"Kollox sew, imma ma nifilħekx iktar, dejjaqtni tipprova twaqqgħani għaċ-ċajt James, aktar ma taf li nistħi. Apposta tagħmilli," kompliet hi. Dlonk bdiet nieżla demgħa minn għajnejha. Kien dak il-ħin li James, kompla jgħafsilha idejha, resaq lejha u biesha fit-tul fuq xofftejha. Hi baqgħet ipparalizzata. Ma kinitx taf jekk hux qed toħlom jew le. Ħaġa bħal din ma kinitx qed tistennieha, lanqas f'mitt sena. Kif kienet hemm ma ċċaqalqitx. Il-bewsa tiegħu kienet ħelwa wisq u anke jekk kien diffiċli biex tammetti, kien dewwibha.


"Għax togħġobni u nixtieqek tiegħi," wieġeb hu, wara li kien waqaf ibusha.


Baqgħet ċassa, tħares fiss f'għajnejh. Kien dak il-ħin li qabadha u għannaqha miegħu. Setgħet ixxomm ir-riħa ta' fwieħa li kellu fuq sidru u kif hasset dirgħajh madwarha, ħassitha protetta u mixtieqha.


"Carina, trid tibda toħroġ miegħi? staqsieha hu.


"Iva," weġbitu, mingħajr ma taf kif. Xtaqet li kieku ttertaqlu qalbu bħalma għamillha hu. "Imma James, għaliex kont tagħmilli hekk, għid??" kompliet tistaqsi hi.


"Għaliex int għalija tfajla perfetta u dejjem kelli l-biża' li tirrifjutani mingħajr ma tagħtini ċans. Tant dejjem bżajt li qatt ma seta' jkolli ċans miegħek, li kont nispiċċa naqbad miegħek. B'hekk forsi kont niġbidlek l-attenzjoni. Togħġobni wisq Car. Taħfirli għal dak kollu li għamiltlek? qalilha hu.


"Kollox sew,"qaltlu hi."Nieħdu ċans u nibdew noħorġu flimkien.


Minn dakinhar, hekk għamlu. Issa ilhom erba' snin flimkien.Is-sena id-dieħla ser jiżżewġu u Ira ser toqgħodilhom "bride's maid". Carina ferħana u eċitata għall-kapitlu ġdid f'ħajjitha imma għadha mistgħaġba sal-lum kif ser tkun hi li ser tiżżewweġ qabel Ira...


Tmiem



 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page