top of page
Search

Anonima

  • Tiziana Borg
  • May 18, 2016
  • 2 min read

Drajt issa waħdi. Ili hekk u ma nafnix mod ieħor. Għadni żgħira. Kull m'għandi tletin sena, imma nħossni ta' sittin. Xi ġrali fi ftit snin ma nafx. Ċerta biss fuq ħaġa waħda: li nbdilt għal kollox – ta' taħt fuq.


Filgħodu nqum ma' xil-ħamsa. Nieħu belgħa te', nilbes u nlesti ruħi għall-mixja twila mad-dawra tar-raħal. Naqta' nifsi, imma kif niġi lura d-dar u ninħasel, inħossni ħadt ir-ruħ. Tal-anqas, ix-xogħol nimmotiva ftit ruħi. Xogħli f'uffiċju, naħdem man-numri u erba' mummji. Imnalla kont inħobbhom minn dejjem in-numri, għaliex l-erba' kollegi li għandi ma fihomx wisq wens. Imma n-numri jistimolawni, jqanqluli kurżita' u interess. Għal sitt sigħat inħossni ftit ħajja u mhux neżisti bħal ma nkun fil-kumplament tal-ġurnata.


Il-ġurnata tgħaddi. Naqbad tal-linja u nintasab hemm, bilqiegħda fuq is-seat nistenna, għax it-triq twila mill-Belt għall-Baħrija. Ma nafx jien, kultant nisħajjilni noqgħod l-Amerka daqskemm indum ma nasal. Nitfa' l-headphones u nisma' l-mużika li jkolli aptit għal dak il-jum partikolari. Mhux dejjem l-istess. Meta jkolli burdata vera mbażwra, nisma' mużika slow u dippressanti. Meta nkun mhux ħażin, nisma' mużika b'ritmu Latin-Amerikan. Għal dawk il-minuti biss, nimmaġinani fuq dance-floor. Noħlom li hi kollha għalija, b'figura tal-ostra u b'kostum tal-ġenn, l-istess bħal dawk ta' Ballando con le stelle u nibda nagħtiha ż-żejt kemm alla ħalaq. Għal ftit ħin inħossni importanti u senswali. Imma mbagħad nasal fuq l-'istage' u malajr ninduna li dan hu s-sinjal li jfakkarni li rrid nirritorna lura fid-dinja reali u mhux tal-ħolm...


Immur d-dar, nipprepara l-ikel u daż-żmien, lanqas biss nixgħel it-televixin għal kumpanija, tant kemm sar idejjaqni kollox. Ma sirt niekol xejn ħlief dak il-platt li nipprepara hekk kif niġi mix-xogħol. Niekol dik in-naqra kemm kemm naqta' il-ġuħ. Mill-bqija, ħalqi jinfetaħ mill-inqas. Meta nitkellem waħdi, nżomm is-skiet għax donni nibża' minn delli stess.


Sirt ninnota li qisni oġġett. Sirt qisni biċċa għamara li għandi fil-flat. Bil-ħaqq, il-flat tiegħi biss huwa mimli u abitat. Il-kumplament tal-flats fil-blokka tiegħi stess għadhom kollha trab u diżabitati. Lanqas tgħid tipprova tagħmel ħbieb ma' tal-blokka stess. Kultant jiġi jarani xi qattus. Għalkemm imellissni u jfissidni, ma jistax ikellimni. Għal daqshekk għandu l-aħjar ħaġa... m'hemmx ċans li jmerini. Imma...


It-tama u l-kuraġġ huma żewġ affarijiet li tlift matul iż-żmien. Ġejt qisni bniedma midfuna ħajja ġo appartament minflok ġo xi tebut. L-istess qisu, bid-differenza li jien ma nkunx qed niddikomponi. Hawn il-Baħrija, bilkemm tara ruħ u filgħaxija, toqtol u tidfen. Daż-żmien lanqas karozza m'għandi, allura ikkonfinatha li noqgħod hawn ġew.


Ħbieb ma nafx x'inhuma. Ġewni ħafna affarijiet ħżiena u ngħid id-dritt ukoll, qatt m'għent ruħi biex Alla jgħini. Sar għandi wisq sens ta' apatija lejja nnifsi. Tlift kull fiduċja fija u f' ta' mawari. Illejla bil-ħsieb li nagħmel avventura li forsi biha immur xi mkien. Flixkun 'whiskey' u ponn 'Panadols'. Tgħid jinduna xi ħadd??


TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page