L-iben il-mitluf
- Tiziana Borg
- May 13, 2016
- 5 min read

Issa ilha miżżewġa 28 sena. Għandha tifel ta' 24, il-mimmi t'għajnejha. Carmen lil żewġha qatt ma qaltlu s-sigriet li kellha. Lanqas lil binha. Minkejja li binha għandu 24, ftit juri l-ħajra li jintrabat ma' tfajla għalissa. Moħħu biex ikun liberu u jgawdi mal-ħbieb. Issa kien għadu kif biddel ix-xogħol u mid-dehra għamel ħbieb ma' Francesco, Sqalli li ġie jgħix Malta s-sena l-oħra.
Francesco, għalkemm tgħallem ħafna, xorta għadu jbati ftit biex jitkellem bil-Malti u xi kultant anke bl-Ingliż. Peress li Daniel ma kellux ħutu, ġie li kien isib xi mumenti fejn joqgħod jitkellem m'ommu Carmen. Lil Francesco kien ta' spiss isemmih u jgħidilha, "Imnalla jkun hu għax-xogħol, għax naraha iktar tgħaddi malajr bis-saħħa tiegħu. Issa llejla ħa noħorġu nieħdu flixkun birra."
"Tirrispettah sew donnok lil dan Francesco... Sewwa. Sakemm tibqgħu ħbieb sinċieri u ġġibu rispett lil xulxin, lanqas jimporta kieku... Isma', teżaġerawx illejla bix-xorb ta'," widdbitu Carmen. "U le ma, fejn sejra b'rasek, għada ma rridux inqumu kmieni għax-xogħol? Aħna biex ngħaddu siegħa flimkien u npaċpċu naqra," qalilha Daniel biex iserħilha rasha.
"Sewwa ibni. Mur u ħu ħsieb," wieġbitu ommu. Carmen kienet kuntenta li sa fl-aħħar binha kien jidher li sab ħabib ġenwin. Daniel dejjem kien iħobbhom lill-ħbieb imma mhux dejjem kellu ħbieb ta' vera. Issa ta' lanqas, Francesco jidher li jirrispettah u li jieħu gost bil-kumpanija tiegħu.
Il-ħajja tal-familja ta' Carmen kienet normali għall-aħħar sakemm darba minnhom, Daniel iddeċieda li jistieden lil Francesco għall-ikla tal-Ħadd wara nofsinhar. Daniel kien ser jiċċelebra għeluq sninu u talab lil ommu biex sieħbu jkun magħhom. Hi ma sabet l-ebda oġġezzjoni. Preferiet hekk anzi, għax hekk kienu jkunu taħt għajnejha u mhux jixorbu xi mkien. Carmen ħadet grazzja ma' Francesco. Kien jidher tifel tal-affari tiegħu, iżomm ruħu sew u anke edukat. Ġab miegħu wkoll flixkun xampanja "per celebrare," qal.
Kielu tajjeb u Francesco ikkumplimenta ruħu mas-sinjura Carmen. Imma x-xitan ma jaħmilx. Dak il-jum kellha tikxef il-borom kollha. Lil żewġha qatt ma kienet qaltlu s-sigriet tagħha. Lanqas lil binha. Daniel kollu ferħan, ried jiftaħ il-flixkun tax-xampanja. Xenglu tnejn u mar biex jiftħu. It-tapp spara b'kemm kellu saħħa, tant li laqat il-flokk ta' Daniel u ġabulu għasra.
"Ara x'għamilt, Daniel!" qalet Carmen.
"Neħħi l-flokk fil-kas, Francesco,"qal Daniel.
"Jekk trid, nagħtuk wieħed minn ta' Daniel u dan ħallih hawn. Naħsilulek u nibgħatulek ma' dan in-nofs ras," wieġbet Carmen b'nofs tbissima.
"Ma tarax signora Carmen.. Imma flokk niexef noħodulek ta'..." wieġeb Francesco. Huwa neħħa l-flokk u kien dak il-mument li Daniel ralu tlett tbajja' żgħar fuq dahru.
"Il-marelli Francesco! Dawk it-tbajja' għandna bħalhom eżatt jien u ommi... u fl-istess post ukoll!!" qal mistgħaġeb Daniel. Tassew kien sorpriż kif kimbinazzjoni, il-ħabib tiegħu kellu l-istess marki bħal tagħhom. Mingħajr ma riedet, Carmen telgħet fuq ponot subgħajha u ttawlet biex tara b'għajnejha dak li kien qed jgħidilha binha. Imma hekk kif fliet dahar Francesco, l-għaraq beda jxoqq għaliha. F'radda ta' salib waqgħet mal-art b'ħass ħazin.
"Ma, ma...Kif int issa ħi??" staqsa Daniel.
"Fejn qiegħda ibni?" qalet Carmen, mingħajr ma taf x'laqgħatha.
"Qiegħda l-isptar bħalissa. Taf x'qatgħa tajtni, ma?" qal Daniel lil ommu. "Xi ġralek? Filli kont miegħi u ma' Francesco, filli waqajt mal-art."
"Ibni, waħedna qegħdin bħalissa?" qalet Carmen.
"Iva ma, il-pa llejla ġej hawn għax jekk Alla jrid, jibgħatek," irrispondha Daniel.
"Dak li ġrali kollu minħabba Francesco..."
"Ħabba Francesco? Dak miskin lanqas biss tkellem..." qal sorpriż Daniel.
"Illum ħa ngħidlek sigriet li ili nġorr għal dawn l-aħħar tletin sena. Lil ħadd m'għedtu, lanqas lil missierek. Jaf b'dak li ħa ngħidlek ser inqelleb ta' taħt fuq l-istabilita' tal-familja tagħna. Ma nafx kif ser tehduha, la int u lanqas missierek.."
"Iva mela, x'sigriet hu dan, ma?"
"Jien qabadni ħass ħażin għax qalbi tħabbarni li Francesco jiġi ħuk..."
"U x'int tgħid ma... dak Sqalli!"
"Imma dawk it-tbajja' rajthom?"
"Iva rajthom u bejnietna, anke jien qamli ġismi xewk, xewk, hekk kif rajthom fuqu... imma ma jistax ikun!"
"Ħa ngħidlek, ibni," bdiet tirrakkonta Carmen."Meta kelli sittax-il sena kont noħrog ma' ġuvni minn Birżebbuġa. Konna għadna fil-bidu u konna naraw lil xulxin xi darbtejn fil-ġimgħa biss. Konna għadna zgħar u ma konniex insuqu. Wara ftit xhur inqbadt tqila. Kif lilu għarraftu b'dak li kien ġrali, bired minni u kif saret taf ommi, ma riditnix li nżomm it-tarbija. Biex ngħidlek kollox, lanqas jien ma ridtha, speċjalment xħin sirt naf li n-namrat li kelli, kien qarraq bija u wrieni li ma kienx iħobbni biżżejjed... Imma jien ma ridtx nagħmel abort. Għaliex kelli noqtol tarbija?
Kif għedt lil ommi bl-għażla tiegħi, tatha rasha. Kienet avżatni biex ma nibqax hawn Malta biex la nidher tqila u wisq aktar biex neħles hawn Malta. Fi ftit żmien, irranġatli kollox u qaltli li kien ser ikolli mmur ngħix ġo kunvent tas-sorijiet ġewwa Sqallija. Ma ridtx, imma bzajt. Bżajt li t-tarbija tispiċċa ħażin. Kelli nitlaq kollox u erħejtilha lejn Pozzallo. Ġew għalija s-sorijiet u għaddejt l-aħħar xhur tat-tqala hemm. Kif wellidt, ħaduhuli minn taħt ħalqi. Madanakollu, qaluli biex inserraħ rasi. It-tifel kienu ser jagħtuh lill-familja sewwa li kienet ser tkun kapaċi tieħu ħsiebu u tqis li ma jkun ser jonqsu xejn.
Fil-ftit jiem li kont qed nieħu ħsieb lit-tifel, kont innutajt li kellu xi tbajja' li kienu bħal tiegħi eżatt... Qatt ma stajt ninsiehom dawk il-marki. Għalhekk, kif rajthom fuq Francesco, naf li ġej minn Sqallija, għandu madwar tletin sena u ħafna kumbinazzjonijiet minn dawn, qalbi ħebbritni li Francesco jista' jkun propju ibni, ħuk stess!"
Daniel kien qed jisma' b'ħalqu miftuħ, għajnejh imberqin u lanqas seta' jemmen lil widenejh. Imma kif ommu kienet żammet dan kollu mistur għal dawn is-snin kollha? "Lil missierek qatt m'għedtlu u nħobbu ħafna. Wara xi snin noħorġu flimkien, talabni niżżewġu u jien aċċettajt. Qatt m'għedtlu x'kont għamilt ta' sittax-il sena għax bżajt li nitilfu..." qalet imbikkma Carmen.
"Ma, issa ħudha bil-mod. Terġax tieħu kedda għax ma toħroġx minn hawn inkella... Ħallejtni bla kliem... Għall-papa' tinkwetax. Naħseb jekk ngħidulu l-verita', jifhmek. Għandek għalfejn tkun kburija li għamilt l-għażla li żżomm it-tarbija. Min jaf kif kienu jagħmlulhom dak iż-żmien lill-ġenituri waħedhom? Mhux kulħadd kapaċi jagħmel pass bħal dak..." qal Daniel lil ommu.
"Ibni, jekk għandek pjaċir li tgħini, issa li dan kollu ġie fuqna bħal sajjetta fil-bnazzi, nixtieqek titħabatli ftit biex naċċertaw ruħna jekk Francesco hux ibni," talbitu Carmen bil-ħniena.
"Nwegħdek ma li ngħinek u li ser nagħmel minn kollox biex inneħħilek dan id-dubju."
"Grazzi Daniel, grazzi. Jien issa qed nixjieħ u nixtieq naqta' l-kundanna."
Wara konversazzjoni iebsa bħal dik, Carmen xtaqet tistrieħ. Hekk għamlet u filgħaxija, zewġha kien mar għaliha l-isptar. Daniel lil Francesco qallu b'kollox. Francesco inħasad u wara beda jibki bħal tarbija. Kien ilu jixtieq jkun jaf min hi l-omm bijoloġika tiegħu, anke jekk il-ġenituri li rabbewh kienu nies taz-zokkor u dejjem żammewh fuq wicc l-idejn.
Kif ir-raġel ta' Carmen sar jaf bil-biċċa, ħadha bi kbira u dam ftit biex iniżżilha. Wara ftit ġimgħat irnexxielu jgħaddilu. Kien fehem li dak li għamlet Carmen, għamlitu biex issalva lit-tarbija. Ma kinitx tkellemet ukoll għax kien jaf kemm ilsien jista' jkun ħażin ukoll! Pero', kieku kellu jmur lura fiż-żmien, xorta lilha kien jagħżel għax hu lilha kien iħobb. Fuq kollox, ma kellhiex ħtija jekk ma kien hemm ħadd li kien lest li jgħinha finanzjarjament biex tmatni t-tarbija...
Carmen ferħet u fehmet ukoll li għal żewgha u għal binha, dan kollu ma kienx faċli biex iniżżluh. Kienet wisq eċitata fil-jum li kellu joħroġ ir-riżultat tad-dna. Carmen u Francesco kellhom qalbhom f'ħalqhom. It-tabib fl-aħħar deher u kien lest biex jagħtihom ir-riżultat. "Sinjuri, id-dna tagħkom kompatibbli. Inti omm dan iż-żagħzugħ." It-tnejn infexxew jibku kemm felħu. Għannqu u biesu lil xulxin. Francesco kien ferħan li fl-aħħar kien skopra min hi ommu reali u li mnalla kien dak il-flixkun birra li wasslu biex jiskopri din il-verita'. Issa forsi kien ser ikollu ċ-ċans li jgawdieha, wara dawn is-snin kollha.
Għal xahar sħiħ, Francesco kien imur għand Carmen biex iqatta' l-ħin ma' familtu l-Maltija. Sfortunatament imma, Francesco ma qagħadx wisq ma' ommu għaliex wara xahar bħal dak, Carmen halliethom ħesrem...
TMIEM
Comments