B'xi ħaġa rridu mmorru!
- Tiziana Borg
- May 9, 2016
- 4 min read

Charles kien ta' spiss jillatika ma' missieru. Kemm ilu li l-anzjan kiber sew, kien qed ikollhom xi jgħidu u dejjem fuq l-istess ħaġa. "Pa, għal xejn ngħidlek...Toqgħodx titħabat l-għalqa. M'għandekx għalfejn. Għamiltu żmienek u issa jmissek tistrieħ u teħodha bil-mod," qal Charles lil Grezzju.
"Tridx tħallini bi kwieti ħija, għax moħħi tixrobuli kull meta nitkellmu? Jien jekk ma mmurx sal-għalqa inħossni mmut. 'L hena tiegħi nintefa' hemm u jekk ma nsibx x'nagħmel, noqgħod nivvinta xi ħaġa b'dak li nsib," wieġeb il-missier.
"Agħmel int mela, xiħ. Għajjejt ngħidlek. Jien ninkwieta għalik għaliex issa m'għadekx żgħir. Għandek 87 sena u importanti li toqgħod attent," qal Charles.
"Naf ibni, naf li għax tinkwieta għalija, imma li għandu jsir, isir. Għal xejn toqgħod tkisser rasek u taħseb x'jista' jiġrili jekk immur l-għalqa... B'xi ħaġa rridu mmorru," qal Grezzju.
"Veru pa, imma sewwa li toqgħod attent. Il-pirmli ta' filgħodu ħadthom?" staqsieh ibnu.
"Iva Karm," wieġbu il-missier. "Issa nieħu belgħa te' oħra u nitlaq bil-mod lejn l-għalqa," qal ix-xwejjaħ.
Charles kien iħobbu wisq lil missieru. Għalkemm għandu 52 sena, lil missieru xorta waħda jħares lejh b'ċertu rispett. Għadu tiġih seduzzjoni minnu, l-istess bħal meta kien għadu zgħir. Illum il-ġurnata Charles għandu żewġt itfal, Pierre u Marika. Joqgħod flimkien ma' familtu bieb ma' bieb ma' missieru. Għal oħtu Rita, missierha kien il-mimmi t'għajnejha imma ma kinitx tgawdih bħalma jgawdih Charles. Rita miżżewga u toqgħod Ħaż-Żabbar mentri ħuha Charles, kien joqgħod ir-Rabat ħdejn missieru. Rita u Charles kienu tilfu lil ommhom għoxrin sena ilu. Il-missier ħadha bi kbira l-mewt ta' martu, imma kien jaf li kellu jżomm ruħu okkupat sabiex iderri u jimla dak il-vojt li l-għażiża tiegħu ħalliet warajha.
Kull nhar ta' Ħadd, Rita kienet tmur għand missierha, tieħu l-affarijiet magħha u kienet tipprepara l-ikel ta' nofsinhar għandu. B'hekk, kienet iġorr lil familtha magħha, issajjar bukkun tajjeb lil missierha waqt li tkun qed tgawdih għal ġurnata sħiħa. Charles ma kienx jagħmel hekk peress li kien joqgħod qrib tieghu. Kull filgħodu kien jgħaddi ħdejh biex ilestilu l-pinnoli, jagħmel belgħa kafe' u jixrobha bil-kwiet miegħu qabel ma jmur għax-xogħol. Dejjem kien jgħidlu biex jekk ikollu bżonn xi ħaġa jsejjaħ lil martu Carmen, peress li hi kienet mara tad-dar. Carmen ukoll kienet tirrispettah lill-kunjatu tagħha. Dejjem rat il-ġid minnu u dejjem sabuh kull meta kellhom bżonn. Kienet tħobbu, mhux biss għax kien raġel sew, imma wkoll għax Grezzju għal żewġha, kien kollox. Missieru kien l-alla tiegħu, kien punt ta' riferiment u kien l-uniku "ħabib" li f'ħajtu kien tassew jixtieqlu l-ġid.
Charles kien imur ħdejn missieru filgħodu u kien jerġa' jżuru ftit ħin qabel ma kien jidħol jorqod. Dan l-aħħar kien donnu qed jikwieta ftit għal missieru. Kien donnu rah niżel sew u l-passi tiegħu kienu qed imajnaw xi ftit. Kien jaf li issa kien sar anzjan sew imma fl-istess ħin, għal li kellu 87 sena, ix-xiħ kien iżomm ruħu sew u kien għadu jċekcek b'mod awtonomu minkejja l-eta' avvanzata tiegħu. Sa minn mindu kien ċkejken, Charles kien iqatta' ħafna ħin ma' missieru. Anke jekk illum il-ġurnata jaħdem ġewwa fabbrika, għamel karina jgħinu u għadu sal-lum jagħtih daqqa t'id jekk ikollu bżonn. Dakinhar tal-11 ta' April, Charles mar fejn missieru bħas-soltu. Xorbu l-kafe' u kien għadhom kif spiċċaw jiddibattu fuq il-biċċa tal-għalqa. Peress li Charles kien konxju li missieru m'għadux farfett bħalma kien qabel, kien iħossu fid-dover tiegħu li jgħidlu biex jieħu l-affarijiet bil-mod. Imma bħas-soltu, l-anzjani ma tfehmhomx u raġel bħal missieru, li kienet weqgħetlu żokortu fir-raba', mhux lakemm tbegħdu minnha. Grezzju kien raġel bieżel u sa ċertu punt, il-medicina tiegħu kienet ix-xogħol qalb l-għelieqi. "Insomma pa... Jien ħa nħallik għax diġa' saru is-sitta neqes għoxrin u għad irrid nitlaq għal Ħal Luqa. Bezzjoni u ħu ħsieb illum għax donnu tiela' l-ajru. Fil-kas, m'għandekx għalfejn iddum ħafna l-għalqa," qallu tal-aħħar Charles. "Kun imbierek ibni. Ħalli f'idi. Suq bil-mod ħalli tasal żgur, daqs kemm hawn imġienen fit-toroq. Mur u toqgħodx tinkwieta fuqi! " wieġbu x-xiħ. Charles tbissimlu, qabad il-basket u telaq bil-kwiet fuq il-lant tax-xogħol. Grezzju reġa' ħa belgħa te' wara dak il-kafe' li ħa ma' ibnu. Kien donnu qed iħoss il-frisk u qabditu kilba biex jieħu belgħa oħra. Mingħajr ikel kien joqgħod, imma bla tazza te' jew kafe', ma kienx. Kif xorob it-te' bil-kwiet, qabad il-barżakka li lesta l-lejl ta' qabel, sakkar il-bieb u mexa ftit passi biex ikun jista' jaqsam Vjal l-Ħelsien b'attenzjoni kbira.
Comentarios