Ir-ritmu tal-ħajja (poeżija)
- Tiziana Borg
- Apr 29, 2016
- 1 min read
F'jum partikolari tar-rebbiegħa,
iddeċidejt li mmur fil-kampanja
ridt naħrab ftit mid-dinja,
mill-ġenn li toffri l-ħajja.
Hekk kif kont miexja qalb il-ħemda
li n-natura biss taf kif toffri
rajt bidwi jaħdem l-għalqa
fuq spalltu l-piż tal-imgħoddi.
U jien u nħares lejh b'attenzjoni
ġewni f'moħħi ħafna tifkiriet
li fil-fond ta' qalbi xtaqt inkeċċi
mal-ħoss il-qawwi tal-irjieħ.
Kien kollu għalxejn madanakollu,
għax quddiemi lmaħt raddiena.

Din tal-aħħar malajr urietni
il-wiċċ tal-ħajja veritiera.
Kien hemm mumenti fejn,
b'simmetrija liema bħalha
bdiet iddur, iddur u ddur.
Bis-saħħa kienet għaddejha
qisha xi ġuvni fuq mutur.
Hekk hi magħmula l-ħajja
Daqqa 'l isfel u daqqa 'l fuq
Jgħaddi riħ u jkaxkar kollox
Qisu pirata b'vapur misruq.
Comments