In-nanna Tonia u l-kaxxa msadda
- Tiziana Borg
- Apr 21, 2016
- 3 min read
Chiara kienet tiġġennen biex tmur tqatta' xi ġurnata għand nannitha Tonia. Peress li hi tifla waħedha, kienu jiġu mumenti fejn tixba' id-dar. Kemm ser iddum tilgħab bit-'tablet', tara t-televixin u taqra? Tkun trid tbiddel ftit u għaliha m' hemm xejn isbaħ mid-dar tan-nanna. In-nanna kienet toqgħod tirrakkuntalha l-istejjer tal-passat, tieħu paċenzja biha, issajrilha l-ħelu favorit tagħha u fuq kollox, in-nanna Tonia kellha ġardina mill-isbaħ.
Kemm tieħu gost tmur tilgħab ġol-ġardina! L-għors tagħha tħallat il-ħamrija bl-ilma ġo xi bieqja tal-fuħħar u tgħaffeġ b'idha. Tibda timmaġina li qed toħloq xi pasti tal-ħelu u żżejinhom bl-aħjar mod li tista' mill-affarijiet li ssib fil-ġardina stess. Barra minn hekk, Chiara tħossha tassew imporanti hekk kif nannitha tqabbadha issaqqi l-pjanti tagħha.
Jum minnhom, Chiara talbet il-permess lin-nanna biex tkun tista' ssib roqgħa ħamrija u toqgħod tilgħab ġo fiha bil-pala tagħha stess. In-nanna aċċettat u Chiara ħarġet tkewwes u tivvinta l-logħob fil-ħamrija. Bdiet tħaffer bil-pala u biċ-ċajt iċ-ċajt, għamlet ħofra kbira mhux ħazin. Bdiet tistħajilha Indiana Jones, taħdem fuq xi missjoni ġdida. Wara xi siegħa, għejjiet u għalhekk iddeċidiet li tistrieħ ftit. Imma kif poġġiet bilqiegħda, fil-ħofra rat bħal kaxxa msadda. Għall-bidu bħal donnha twerwret. Dik x'kienet? Ixxabtet ftit u għamlet sforz biex ittelgħaha 'l fuq. Oħroġ il-għaġeb, Chiara kienet sabet kaxxa msadda bl-inizjali TA fuq l-għatu tagħha. Farfritha ftit u l-kurzita' għelbitha. Wara ħafna ssussar, Chiara rnexxielha tiftaħ il-kaxxa. Ġewwa ma kien hemm xejn speċjali ħlief xi ftit ritratti antiki mhux tal-kulur, ittra u xi ċekċikiet żgħar.
Iddeċidiet li tmur turi kollox lin-nanna. In-nanna, kif ratha ġejja b'oġġett f'idha mill-ġardina, donnha bħal stgħaġbet u qaltilha, "Binti, din minn fejn ġibtha?"
"Mill-ħamrija nann, jien u nħaffer bil-pala. In-nanna fetħet il-kaxxa u hi u tifli l-kontenut, qabżitilha demgħa.
"Xi ġralek nann, għaliex qed tibki? Għamiltlek xi ħaġa jiena? Ħabba il-kaxxa? Nerġa' inqiegħda f'postha jekk iddejjaqt biha!" ikkumentat inkwetata Chiara.
" Le binti, xejn minn dan. Anzi, imnalla kont int li ġibtli dan it-teżor!" qalet in-nanna.
"X'teżor hu, nann? Dan aktar qisu mbarazz ... U min huma dawn in-nies fir-ritratti? Għalija ma jfissru xejn...." kompliet tinvestiga Chiara, kollha kurżita'.
"Għalik ma jfissru xejn, imma għalija jiswew mitqlu deheb. Issa nispjegalek dan l-'imbarazz' x'inhu. Tiftakar ġieli semmejtlek lill-papa' tiegħi?"
"Iva nann. Toni kien jismu. Int kont għedtli, li għalhekk il-mama' tiegħek semmietek Tonia, proprju għalih," qalet Chiara.
"Hekk hu," qalet in-nanna. "Għandi idea ta' x'jistgħu jkunu dawn l-affarijiet, imma ser ngħidlek eżatt wara li naqra din l-ittra. Kif qed tara kitibha l-bużnannu tiegħek fl-1932. Din il-kaxxa tiegħu għax għalhekk hawn TA fuq l-għatu, għal Tonio Abdilla."
"Ill nann, kemm ilu dan..." wieġbet eċitata Chiara. Issa l-kurżita' bdiet tikber sew ġewwa fiha. Kellha ġenn sakemm nannitha tispjegalha dak kollu x'kien ifisser. Sadanittant imma, qagħdet kwieta kemm setgħet ħalli tħallieha taqra bil-kwiet. Kif kienet lesta, inġabru t-tnejn madwar mejda, lesti biex jitkellmu dwar l-iskoperta' taċ-ċkejkna.
"Ara Chiara, dawn ir-ritratti ttieħdu meta l-bużnannu tiegħek kien żgħir... Ma nistax nagħraf lil kulħadd, imma f'dan ir-ritratt eżempju, hawn missieri u dan ta' ħdejh iz-ziju tiegħi. Qed nagħrfu mit-tbissima tiegħu, baqgħet l-istess... Dejjem hekk niftakru. Dawn hawn huma xi ritratti oħra li lil missieri ħadulu l-iskola waqt xi attivitajiet," spjegat in-nanna.
"U din x'inhi nann?"staqsiet kurjuża t-tifla. Urietha wieħed mill-oġġetti li kien hemm fil-kaxxa.
"Dan jissejjaħ ċippitatu. Mid-dehra n-nannu tant kien għal qalbu li refgħu f'din il-kaxxa. Fl-ittra jgħid li kien jagħmel nofs ta' nhari jilgħab biċ-ċippitatu, anke meta kien ikun mal-ħbieb tal-qalb. Hawn ukoll din il-kaxxa sulfarini. Ġo fiha hawn ċurkett.
"Kif inhu msaddad jaħasra!" skantat Chiara.
"Eħħ binti. Dan mhux xi ċurkett ta' kwalita'. Barra minn hekk, ara kemm ilu maqful hemm ġew. Qal li kienet tagħthulu l-ħabiba tiegħu Konsa," wieġbet in-nanna.
" Ħeħe xi ħlew! U hawnhekk għandu kuruna tar-rużarju wkoll u santa ta' San Filep," żiedet it-tifla.
"Iva, in-nannu kien iħobb jitlob u l-qaddis preferit tiegħu kien propju San Filep."
"Imma jekk dawn l-affarijiet jidhru li kienu daqshekk importanti għalih, kif spiċċaw ġo kaxxa, mitfuna fil-ħamrija tal-ġardina?" kompliet Chiara.
"Mid-dehra, din il-kaxxa kien ħbieha meta kellu xi tlettax-il sena. Din il-kaxxa kien beda jitfa' dawk l-affarijiet għeżież għalih. Darba minnhom imma, kellhom imorru jgħixu għal xi xahrejn għand zitu Karmni. Peress li dawk kienu tiflkiriet marbuta anke ma' ħajtu f'dik id-dar, xtaq iħalliehom hawn f'post sigur, fejn ħadd ma seta' jmisshom. 'Difen' kollox ġol-ħamrija, imma qabel kiteb din in-nota. Hu jgħid li jekk jinqala' xi ħaġa u ma jerġgħux lura d-dar, allura tal-anqas il-kaxxa tiegħu kienet ser tibqa' hemm, parti mit-tifkiriet importanti ta' ġod-dar. Fil-fatt minn xahrejn, niftakru jgħidli li kienu damu xi għaxar snin. Kien wara li żżewweġ lil ommi li reġa' ġie jgħix hawn. Nimmaġina li meta kellu 23 sena, mhux kien laħaq nsieha din il-kaxxa..." qalet in-nanna.
"Nimmaġina nann mela, għax kieku naħseb kien imur jerġa' jfittixha," qalet Chiara.
"Hekk naħseb jien ukoll," wieġet Tonia. "Meta kien għamel dan kollu kien għadu tfal u meta tkun tfal, il-mentalita' tkun differenti."
"Imma tal-anqas nann, sibna xi ħaġa interessanti għalina," qalet it-tifla.
"Tassew. U ngħidlek id-dritt, għamiltni ferħana għax kienet sorpriża kbira għalija," kompliet in-nanna, waqt li għannqet bil-qalb lin-neputija tagħha.
TMIEM
Comments