top of page
Search

Ejja nilagħbu!!

  • Tiziana BORG
  • Apr 18, 2016
  • 4 min read

Milena baqgħet ċassa, lanqas biss kienet taf x'ġara. F'temp ta' sekondi, wiċċha kien jidher li bjad aktar mill-karti. Kuġinuha Valerio, filli kien qed ikellimha, filli f'daqqa waħda waqa' minxur mal-art f'għadira demm.

L-arma li kellha f'idha waqqgħetha u f'radda ta' salib ħakimha ġenn qawwi. Bdiet tħares lejn kull direzzjoni u kien qabadha attakk ta' paniku. Bkiet fuq li bkiet. Għal li hi tifla ta' ħames snin, ma kinitx taf x'ser taqbad tagħmel. Ġieha f'moħħha titla' fuq banketta u ċċempel lil ommha fuq il-mowbajl. Ommha weġbitha u Milena ma setgħetx titkellem. "Valerio.....bumm... Valerio.....demm... bumm," bdiet tlaqlaq Milena.


Ommha ma setgħet tifhem xejn. Kienet ilha biss xi siegħa li waslet il-Belt. Lil Milena kienet ħalllietha ma' Valerio għax ma kien hemm ħadd min seta' jżommhielha għal xi sagħtejn. Il-qadja li kellha riedet bilfors teħlisha sa dakinhar. "X'ġara Milena? X'jiġifieri Valerio... bumm? X'demm hu?" staqsiet l-omm, mistoqsija wara l-oħra. Indunat li l-leħen tat-tifla kien imriegħed u semgħetha tipprova żżomm l-ilfiq tagħha. "Ħa nkellmu lil Valerio. Fejn qiegħed?" reġgħet qaltilha l-omm. "Mal-art mama' qiegħed, mal-art. Hemm id-demm," żiedet tgħid Milena. It-tifla dehret li kellha diffikulta' biex titkellem. L-omm bħal donnha qalbha ħebritha li kienet seħħet xi traġedja. Ma laħqetx tlesti l-qadi kollu, imma kienet taf li wara telefonata bħal dik, il-qadi kellu jintesa. Il-prijorita' tagħha issa kienet li tmur id-dar fejn bintha u li tara wkoll jekk ġarax xi ħaġa lil Valerio.


Waslet fejn il-karozza, startjat u Alla biss jaf kemm saqet sabiex tkun tista' tasal lejn darha mill-aktar fis. Għalkemm mill-Belt għal fejn toqgħod hi, is-soltu tagħmilha fi kwarta, dakinhar ħasset li l-vjaġġ kien donnu ser idum xi eternita', anke jekk saqet bil-qawwi. Fl-aħħar kienet waslet, taret minn ġol-karozza u kif fetħet il-bieb ta' barra, sabet xena traġika tilqgħaha. "Omm ħanina ħenn għalina!" qalet l-omm. Mingħajr ma taf kif, poġġiet idha quddiem fommha bħal donnu riedet tostor l-espressjoni ta' skantament. Wara, bdiet tħokk rasha u ma kinitx taf x'kellha tagħmel.


Għalkemm lil Milena ma staqsietha xejn aktar, malajr għaqdet it-trufijiet kollha li kellha quddiemha. Kien hemm l-arma fl-art, bintha mriegħda u n-neputi tagħha mitluq għal tulu mal-art b'ferita tnixxi. Kien jidher ċar li saritlu minħabba l-arma stess. Fl-aħħar qabdet il-mowbajl u ċemplet għall-ambulanza. Żgur li ma setgħetx tħalli lil Valerio hemm mingħar ma tipprova tagħmel li tista' biex tgħinu. Kif kienet ser taffaċjaha lil oħtha?


Valerio kien ġuvnott ta' tmintax-il sena. Minn mindu kien żgħir kien tifel kwiet u bilgħaqal, anzi, bilgħaqal iżżejjed. Imma minn meta din l-aħħar sena beda jaħdem ma' intrapriża lokali, sab kumpanija ħażina. Fil-fatt, kien hemm erbat iċwieċ iriduha ta' eroj u 'l hena tagħhom jilagħbuha tal-artisti. Ma kienu xejn żgħażagħ eżemplari, anzi, dejjem jivvintaw xi waħda. Għax-xogħol kienu jaslu tard u dan l-aħħar bdew anke jbabsu mad-droga. Mingħajr donnu ma ried u minħabba l-fatt li qatt ma daq ċertu ħażen f'ħajtu, din il-kumpanija ta' "ħbieb" bħal influwenzatu iżżejjed. Barra minn hekk, iltaqa' magħhom fi żmien fejn hu kien għaddej minn kriżi ta' identita'. Ta' tmintax-il sena, individwu jkun għadu qed jipprova jistabilixi l-karattru tiegħu u meta tkun sewwa żżejjed, il-ħażin tibda tarah bħala xi teżor attraenti, lest biex tiskoprih, imqar ta' darba.


Dakinhar tal-inċident, Valerio kien frank mix-xogħol. Zitu ċemplitlu biex tara jistax jaqdieha ftit hu sabiex joqgħod mat-tifla. Marija, omm Milena, kienet taħlef fuq Valerio. Kien dam ħafna ma kellha t-tfal u tista' tgħid li sa minn meta kien ċkejken, mhux l-ewwel darba li żammitu magħha d-dar. Anke flimkien kienu joħorġu u jduru. Lil Valerio, Marija kienet tħobbu qisu binha u kienet tafdah b'għajnejha magħluqa. Imma f'dak il-jum, Valerio, xtaq li jibda jesperimenta ftit l-imqarbizza. Għal darba f'ħajtu ried jaf xi tfisser titbaħnan ftit. F'dak il-jum ried bħal donnu jirribella. Le... ried jidher differenti. Ħass il-bżonn li jkisser dik l-immaġni perfetta li kulħadd kellu dwaru. Niesu kien qed jeħduh wisq 'for granted' u ħass eċitament kbir li għal darba jista' jiddevja mir-rutina normali.


Fil-bidu lagħab ftit ma' Milena, imma mbagħad, kif bdiet tfittex ftit fuq l-'ipad', għassisha aljenata u sab ix-xoqqa f'moxtha biex imur fis-salott u jipprova ftit minn dak it-trab l-abjad li kien iddubbalu sieħbu fit-tmiem il-ġimgħa ta' qabel. Qallu li kien ser iħossu 'high' u li żgur ser togħġbu ladarba jipprovaha. Kien ġibed nifs sew u wara ftit, kien diġa' beda jħossu xi ftit imżelleġ. Inxteħet dahru mas-sufan, għalaq għajnejh u beda jeqlibhom 'l hawn u 'l hinn. Beda jieħu wkoll nifs twil minn ħin għall-ieħor, bħallikieku qed isib xi serħan speċjali. Kien dak il-mument li sema' lil Milena tgħajjatlu b'ismu. Kif fetaħ għajnejh pero', sab pistola ppuntata diretta lejn wiċċu. Ħa qatgħa papali. "Min fejn imniefaħ ġibitha din il-pistola?" qal Valerio konfuż. Malajr ftakar imma... Marija u żewġha Beppe kienu ħallew arma moħbija fid-dar. Dan għaliex madwar sentejn ilu, kienu sabu ħalliel ma' wiċċhom f'darhom. Minn dakinhar 'l hawn, ippreferew li jħallu arma moħbija għal dak kollu li jista' jinqala'.


Dik l-imbierka ta' Milena imma, waqt li kienet qed ittektek fuq l-'ipad', malajr xebgħet u sabet x'tivvinta. Qagħdet tqelleb ġol-kxaxen u kif sabitu, marret ħdejh u qaltlu, "Ara Valerio, ejja nilagħbu! Sibt dan ara... bħal tal-films!!" Imma moħħu dak il-ħin ma kienx qed jaħseb sew. Fl-istess waqt, ma ssugrax jissara magħha biex joħodulha. Kien jaf li hi tifla stinata. "Warbu minn hemm Milena dak," qal imwerwer Valerio.

"Ejja Valerio, ħa nilagħbu bih," insistiet Milena.


"Le... Mur qiegħdu f'postu. Issa!!" qal iritat Valerio. "Mulej agħmel li ma tafsux, agħmel li ma tafsux," talab waħdu minn taħt l-ilsien. Mingħajr ma jaf kif, dak it-trab l-abjad kien bħal donnu telgħalu għal rasu, ir-riflessi tiegħu battew u rasu bdiet ittektek. Ma setax jieħu azzjoni dak il-inħħħin. Ħassu wisq imċaflas biex jitħarrek. Il-piż tiegħu kien bħal donnu ankrah fuq is-sufan. Milena riedet tagħmel bħal tal-'films' u mingħajr ma ndunat, għafset il-grillu u....BUMM!


Kien wara dan kollu li Valerio spiċċa mal-art imdawwar fid-demm. It-tifla baqgħet mistgħaġba u skurmentata għax fil-verita', lanqas biss kienet taf x'ġara. Kienet taf biss li ġrat xi ħaġa ħażina u li Valerio ma kienx qiegħed sew. Xi ġralhom Marija u familtha wara dan kollu ma nafx, imma li hu żgur li Valerio daħal l-isptar u jinsab fil-periklu tal-mewt. Zitu irnexxielha tieħdu l-isptar imma issa, f'idejn Alla issa jeħdux jew le...

TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Commentaires


bottom of page