top of page
Search

Sentejn qabel iż-żwieġ

  • Tiziana Borg
  • Apr 14, 2016
  • 5 min read

Tista' tgħid li t-tnejn trabbew flimkien. Kien ilhom jafu lil xulxin minn mindu kellhom għaxar snin. Djarhom kienu imbegħda biss tefgħa ta' ġebla 'l bogħod. Illum il-ġurnata, Katya għandha 25 sena u ilha għarusa lil Mattia għal dawn l-aħħar seba' snin.


Fir-raħal kienu pjuttost magħrufa. Ilhom attivi u jagħtu sehemhom fl-għaqdiet prinċipali minn meta waqgħetilhom żokrithom. Kulħadd kien iħobbhom u kienu popolari għax minkejja li kien għadhom żgħar, ħafna nies kienu jqisuhom bħala l-koppja perfetta.


Kollox kien għaddej sew bejniethom, sakemm jum minnhom ix-xitan fettilu jdeffes denbu. Il-maltemp beda riesaq hekk kif wara li kienet lestiet kors importanti, Katya kienet sabet impjieg tajjeb ma' kumpanija stabbilita. Fid-dipartiment ta' fejn kienet taħdem, kulħadd kien ħa grazzja magħha għax tant kellha natural ħelu, li ma tistax ma tinġibidx lejha. B'xorti ħażina, kienet ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-kap. Mhux biss mil-lat strettament professjonali, imma anke mil-lat...personali.


Ta' tfajla intelliġenti li kienet, Katya kienet innutat li kien hemm xi ħaġa li mhux iddoqq bejnha u bejn is-Sur Borg Cassar. Mhux l-ewwel darba li kellha bżonn tagħmel xi kopji ta' xi karti u hekk kif kien ikollha tgħaddi minn quddiemu, kienet tħoss għajnejh idurulha ġisimha. Għall-ħsieb biss kienet titqalla. Qatt ma missha, imma dawk l-għajnejn tant kienu antipatiċi, li tħosshom fuqek mingħajr ma trid.


Madanakollu, ħasset li kellha tagħmel kuraġġ. Iddeċidiet li ma kellux ikun xi ċuċ bħas-Sur Borg Cassar li jtelfilha il-ħobża ta' kuljum sempliċement għax iħarsilha żżejjed xħin tgħaddi għall-karti. Fuq kollox, issa li għall-grazzja t'Alla kienet sabet xogħol, hi u Mattia setgħu jibdew jaħdmu bis-serjeta' biex jibdew jaqtgħu d-dejn fuq id-dar ċkejkna li għadhom kemm xtraw. Issa kien għad baqgħalhom biss sentejn biex jiżżewġu, kienu jafu li riedu jxamxru l-kmiem biex jaslu fejn xtaqu. Imma b'xorti ħażina, l-affarijit ma kinux sempliċi daqs kemm penġiethom hi.


Kien jum kollu maltemp u dakinhar ħafna mill-ħaddiema ħadu l-permess biex jitilqu ftit qabel id-dar. Ħafna minnhom kellhom it-tfal u allura ma ridux jażżardaw li jaslu tard għall-uliedhom minħabba t-traffiku li kien ser jinqala'. Katya ma kellhiex tfal, imma dak il-jum, xejn ma kienet qed tħossha sew. Bdiet titlob 'l Alla biex isiru l-erbgħa, ħalli tkun tista' titlaq bil-kwiet id-dar... Hekk kif kie iberrhen f'moħħha dan il-ħsieb, semgħet taħbita fuq il-bieb tal-uffiċju tagħha. Kien is-Sur Borg Cassar. B'ton kemmxejn sarkastiku qalilha, "Sinjorina Vella, illum bis-sahra eħ... Ara ma jfettilekx taħrab kmieni qabel ma tillesti il-fajl tas-Sur Pawlu Gomez. Taf kemm hu bniedem eżiġenti u bil-Malti, iktar ma neħilsu minnu malajr, tant l-aħjar," tenna b'ton awtoritarju s-Sur Borg Cassar.


Kienet ilha taħdem hawn biss ftit xhur u bejnha u bejn ruħha ħasset li aħjar ma tħaqqaqhiex miegħu. Kienet għadha fuq 'probation' u llum is-suq tant huwa kompetittiv, li jekk issib xi wieħed bħas-Sur Borg Cassar, malajr iqaċċtulek rasek 'il barra. Kontra qalbha weġbitu, "Kollox sew Sur Borg Cassar, nagħmel kif għedtli..." u l-kap ħareġ 'il barra mill-uffiċju b'dik it-tbissima kretina fuq wiċċu.


L-erbgħa kienu diġa' daqqu u Katya kienet għadha hemm, indannata, marida u mxebba' fuq l-iskivanija, ittektek u timla l-karti kif suppost. Reġgħet ħarset lejn l-arloġġ u mingħajr ma kienet taf, kienu saru l-ħamsa. F'moħħha kellha li sas-sitta kellha tlesti kollox.


Qamet bil-mod minn fuq l-iskrivanija u ddeċidiet li tmur sal-kamra tal-banju. Illum tant kienet ilha għaddeja, li l-bżonnijiet naturali kienet insiethom wkoll. Kif ħarġet fil-kuritur mudlam sabiex tmur sal-banju, innutat li l-uffiċini kważi kollha kienu vojta. "Kulħadd telaq illum, għandek tgħid," qalet minn taħt l-ilsien ix-xbejba. Daħlet bil-mod u hekk kif ħarġet, marret dritt għal quddiem il-mera sabiex tirranġa xagħarha. Għamlet ftit 'lipstick' imma hekk kif ħarset lura mill-mera, tara lis-Sur Borg Cassar, iserraħ mal-koxxa tal-bieb. Kien jidher li qed jiflieha minn fuq s'isfel u fuq wiċċu, bħal ħafna drabi, kellu dik in-nofs tbissma sarkastika fuq wiċċu. Qalb Katya għamlet tikk. "Il-banju tal-irġiel in-naħa l-oħra qiegħed Sur Borg," qalet mifxula u innoċentament Katya. Ħassitha stramba u ma kinitx taf x'ser tgħid.


'Naf Katya. Ili naħdem hawn mal-għoxrin sena. Ġejt hawn biex nara lilek sabiħa,"qal is-Sur Borg b'ton malizjuż. Hu u jgħid dan il-kliem beda riesaq lejha. Katya, bil-fixla, lanqas tħarket. Tant bdiet tibża li bħal donnu ġisimha ipparaliżża... "Xi jrid dan? Madonna tal-Kamrnu ħarisni int". Dak il-ħin qabdet il-basket li kellha, ħadet nifs 'il ġewwa u għaddset rasha 'l isfel, lesta biex toħroġ minn dik il-kamra, li f'daqqa waħda bdiet tħossha bħal kamra tal-gass, lesta biex tifgaha u tħallieha tal-post.

Imma erba' passi biss laħqet għamlet. Borg Cassar qabadha minn idha u għafasielha b'saħħa. 'Ħallini jekk jogħġbok!" talbet bil-ħniena Katya. Imma għajnejh donnhom bħal ħdaru, qabadha b'mod selvaġġ minn qaddha u sabbatha mal-ħajt. Idejh beda jmexxiehom b'mod skifuż fuq il-partijiet privati ta' ġisimha u hi bdiet tħoss in-nifs moqżież tqil tiegħu m'għonqha.


Kien dak il-ħin li Katya ppruvat toħroġ saħħitha kollha u bdiet tirreżesti u tagħtih kemm tiflaħ. 'Ħallini ja bhima. Tmissnix, Tmissnix! Ħallini għedlek! M'għandekx dritt tmissni, tmissnix! Saddilha ħalqha b'idu u ta' xejn kemm pruvat tresqu, tagħtih bil-ponn u tballatlu b'riġlejha. Kienet ġo morsa u bl-ebda mod ma setgħet taħrab. Id-dmugħ beda jċarċar fuq ħaddejha. Bdiet tolfoq u tirtgħod b'biża' liema bħalha. Il-mostru li kien qed iżommha, kien ukoll qed jistupraha, bla skrupli ta'xejn. L-uniku ħaġa li kienet timpurtah hija li jissodisfa l-eżiġenzi karnali tiegħu u mid-dehra l-fajl kienet biss skuża biex iressaq il-ġurdien lejn in-ngħassa.

Kif lesta, ħallieha hemm bilqiegħda mal-art, nofsha għarwiena.


Katya ma kinitx taf jekk hux ħajja jew le. Bdiet tħossha tant maħmuġa b'mod li lanqas biss felet tiċċħħħet tħħħet tiċċaqlaq bil-piż ta ħmieġ li kienet qed iġorr. Minn quddiem għajnejha, għaddew bħal sensiela ta' tifkiriet marbuta b'mod specjali ma' Mattia, l-għażiż tagħha. Kellha saħħa tgħidlu x'għamlilha dak l-annimal? Kif ser titla' miegħu fuq l-artal wara li dak il-bhima kien missha u żanżanha hu qabel ma ħadet l-aqwa pass ta' ħajjitha? Wara xi nofsiegħa qamet mill-art, libset u ħarġet imkissra mill-kamra tal-banju. Ġabret kollox u ħarġet 'il barra.



Mattia kellu jċemplilha dakinhar filgħaxija, propju għax f'dik il-ġurnata kien ser jispiċċa tard mix-xogħol. B'hekk ma kienx ser ikollu ċans imur jaraha d-dar. Ta' xejn kemm faqgħahulha l-mowbajl, għax Katya ma wegbitux. Intefgħet biss fuq is-sodda, tibki u tolfoq. Wara serje ta' tentattivi biex ikellimha, Mattia rnexxielu jidħol f'darha u mar ikellimha ġo kamritha. Biċ-ċajt, iċ-ċajt kien għadda xahar minn dakinhar tal-"inċident". Sadanittant, telqet mix-xogħol imma kienet issegregat ruħha ġod-dar. Kienet ilha dawk il-ġimgħat kollha maqfulha mingħajr lanqas biss rat id-dawl ta' barra, jekk mhux vera għall-bżonn.

Mattia staqsieha fuq li staqsieha imma għalkemm xofftejha bdew jiċċaqilqu, il-vuċi tagħha bħal tilfitha għaliex lanqas felħet tlissen kelma.


Wara ħafna torturi, battlet l-istonku tagħha u qaltlu x'kien ġralha f'dik il-ġurnata misħuta. Għajnejh saru ħomor nar bħal ta' għafrid, sabbat bil-ponn fuq l-iskrivanija li kellha u b'ton irrabjat qal, "Noqtlu lil dak il-majjal! Noqtlu b'idi stess". Hi infexxet tibki u żammitu biex tipprova twaqqfu. 'Ikkalma Mattia, ikkalma! Tmur toqtlu biex tispiċċa l-ħabs int? Imbagħad żgur li tħallini waħdi," weġbitu b'ton iddisprat. Qabadha u ħaddanha miegħu. Lanqas hu ma felaħ iżomm mistura d-dmugħ u d-dulur li kellu. ' U fadal aktar..." kompliet Katya.


"X'jonqos issa?" wieġeb ixxukjat aktar milli kien Mattia.

"Jien tqila," weġbitu hi, b'għajnejha mitfugħin lejn l-art.

"X'inhu?" qal skantat hu.

"Iva, sirt naf ilbieraħ għax issa għadda xahar u għamilt it-test," qalet hi. Kompliet tibki u tixher. "Jien nifhmek jekk ma tridx toħodni iktar bħala martek... Ma nagħtikx tort li ma tridx lanqas trabbi tarbija, li l-anqas hi biss tiegħek. Lanqas jien kieku ma rridha, imma ma nistax neħles mit-tarbija. It-tarbija ma xtaqthiex imma mhux ser insolvi problema billi noħloq oħra".


Mattia ħass id-dinja tikkrola fuqu. Kulma qalet Katya kollu kien minnu. Kien jaf li l-affarijiet mhux ser ikunu faċli. Li kien jaf żgur hu, li kien ser jagħmel minn kollox biex issir ġustizzja. Madanakollu, m'għaddilux għal sekonda waħda biss minn moħħu li lil Katya jitlaqha. Kien iħobbha wisq u ħajtu ma kienx jaraha mingħajrha. "Tinkwetax," qal serju Mattia. "Dak l-annimal ipattieha, imma lit-tarbija u lilek żgur li mhux ser inħallikom waħedkom..."

TMIEM

 
 
 

Recent Posts

See All
In-nifs tal-poeżija

B’urġenza kbira naqbad il-pinna fejn inkun u l-ewwel karta li tiġi f’idi b’ wisa’ bajdani naħtafha. Il-leblieba kbira li jkolli biex...

 
 
 
Il-qalb li tnixxi

Ma ninsa qatt il-jum mistenni minnek fejn int ġejt ħdejja ferħan se ttir biex taqsam aħbarek miegħi. U jien tbissimt, kif inhu xieraq...

 
 
 

Comments


bottom of page