Dwardu l-messaġġier
- Tiziana Borg
- Apr 13, 2016
- 3 min read
Issa kien ilu minn tal-inqas għaxar snin jaħdem bħala messaġġier mal-kumpanija ‘Aliflex’. Dwardu kien għażeb ta’ erbgħin sena u kien jgħix waħdu ġewwa r-raħal tal-Imġarr.
Tista’ tgħid li qatt ma kellu xi ħajja partikolarment faċli. Barra minn hekk, l-aktar karatteristika komuni li dejjem iddominat ħajtu kienet is-solitudni. Tilef lill-ġenituri fl-agħar zmien ta’ ħajtu. Mill-banda l-oħra, il-karattru tiegħu qatt ma għenu. Dwardu bniedem introvert u lanqas jekk tħallsu ma jkellmek. Kien iżomm kollox ġewwa fih.
Fil-kumpanija, għalkemm kulħadd kien drah u jaf li Dwardu kien ta’ ftit kliem, l-ebda persuna ma kienet timmaġina li jista’ jkun hemm messaġġier ieħor li jista’ jeħodlu postu.
Dwardu kien jidher li jagħmel xogħlu mill-qalb u m’hemmx għalfejn tkun xi għaref biex tinduna li fl-aħħar mill-aħħar, huwa kien bniedem organizzat.
Anke jekk Dwardu kien konxju tal-karattru partikolari li kellu u li s-solitudni ta’ ħajtu kompliet tqiegħdu f’bozza, kien sodisfatt u kuntent li kellu xogħol tajjeb, li kellu dar ħelwa fiċ-ċentru tar-raħal u li fuq kollox kien ħieles, lest li jagħmel dak li jixtieq mingħajr ħadd ma jindaħallu. Din il-ħajja “normali” ta’ Dwardu nbidlet xi ftit jew wisq meta daħlet fix-xena ta’ ħajtu Rosey.
Rosey kienet xebba ta' 38 sena, anke jekk xħin taraha taħsibha li għandha xi ħamsin. Rosey ma kienet iżżommha xejn u ltaqgħet l-ewwel darba ma' Dwardu hekk kif daħlet taħdem għall-ewwel darba mal-Aliflex. Xorbitu lil Dwardu kif ratu. Għajnejha ma qalgħethomx minn fuqu. Għoġobha u peress li anke hi kienet ilha għomorha waħedha, malajr interessaha tidħollu fin fin.
Fi ftit kliem, Rosey bil-karattru partikolari tagħha u anke stramb jekk trid, irnexxielha b'xi mod tiġbed l-interess ta' Dwardu. Wara x-xogħol kienu jiltaqgħu u jmorru jieħdu kafè flimkien. It-tnejn kienu jitkellmu xi ftit, imma l-maġġor parti tal-ħin, Rosey kienet tintilef tħares lejh. Għadda ż-żmien u t-tnejn baqgħu jiltaqgħu. Kienu saru bħal koppja u aktar minn hekk, kienu saru ta' wens għal xulxin.
Dwardu kienet togħġbu Rosey imma wara ċertu żmien ir-"relazzjoni" tagħhom bdiet tieħu xgħira differenti. Rosey mhux talli ma kinitx tinteressa ruħha fih imma talli issa bħal donnha kienet ossessjonat ruħha. Fil-fatt, tista' tgħid li issa kienet saret invadenti wisq fil-ħajja privata tiegħu. Kienet bħal donnha qabżet kull limitu. Miskin hu jekk kien jitbissem xi waħda żejda lis-segretarja! Rasu kienet tnixxifihielu jekk kien idum jitkellem xi għaxar minuti żejda ma' tal-'canteen'.
Jum wara l-ieħor, is-sitwazzjoni bdiet tiġġenera ruħha. Fejn qabel kienu jmorru jieħdu kafè u jitkellmu bil-kwiet u jħarsu f'għajnejn xulxin, issa kienu l-ħin kollu jiġġieldu, anke għall-inqas ħaġa. Dwardu kien iħobbha l-libertà u għax għal darba f'ħajtu kien sab mara li kien lest li jqatta' xi ħin magħha, din tal-aħħar kienet ħonqitu għalkollox. Spiċċa bħal pitirross, li filli kien itir ħieles u filli spiċċa maqbud ġo gaġġa. Huwa nduna li jekk hu u Rosey kienu ser jibqgħu b'din il-ħajja, xi ħadd minnhom kien ser jispiċċa ħażin...
Darba fost l-oħrajn, Rosey marret għand Dwardu ġewwa daru fl-Imġarr. Waqt li kienu qed jiddiskutu, Rosey, b'qalbha mtertqa staqsietu riditux jibda jgħix magħha. Malli poġġietlu din il-mistoqsija, wiċċ Dwardu biddel il-kuluri. "Xi ġralek?" kienet pronta staqsietu.
"Roż, stennejt illum biex nagħtik din l-aħbar xejn sabiħa. Kont ili naħsibha imma issa li qed tqanqalli din il-mistoqsija, tajjeb li ma noqgħodx indurlek mal-lewża... Jien u int daqshekk... Xbajt issa. M'għadniex tajbin għal xulxin. Tgħir wisq għalija u barra minn hekk, ma nistax nagħmel pass bik," qal b'ton ta' sogħba Dwardu.
Għal Rosey din kienet bħal sajjetta fil-bnazzi. Vera li dan l-aħħar kienu qed jiġġieldu kull ħames minuti, imma qatt ma basret li kienu ser jaslu f'dan il-punt. Kienet taf li Dwardu kien ta' ftit kliem, imma kienet saret taf ukoll, li jekk jgħid kelma, diffiċli ħafna biex tbiddilu fehemtu. Għajnejha mtlew kollha dmugħ imma Dwardu kien pront jilqgħalha, " Ta' xejn tibki Rose, id-deċizjoni ħadtha... Tista' tmur, għax iktar ma naqtgħu malajr, iktar ikun aħjar għalina."
Rose telgħetilha bħal fawra f'wiċċha, ħasset rasha ddur u li f'daqqa waħda d-dinja kienet ser taqa' fuqha. Kif jista' jkun? Kellu jħalliha? Bit-tajjeb u l-ħazin tagħha, dejjem urietu li tħobbu...Ma bdiet tara xejn quddiem għajnejha u hekk kif taha dahru waqt li kienu fil-kċina, qabdet is-sikkina li kien hemm fil-bank u daħlithielu f'għonqu.
Dwardu dlonk waqa' mal-art b'agunija u f'tebqa t'għajn sab ruħu ġo għadira demm. B'leħen jirtogħod staqsieha, "Għaliex, Rose?" B'ħarsa bierda berqitlu u b'ton kiefer qaltu,"La ma tridx tkun miegħi, mela allura m'għandek dritt tibqa' ma' ħadd!" Għalqitlu għajnejh u ħarġet kollha kalma minn daru...

Comments